gov.mt

pr261620

PR261620

02/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR U MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT

Ftehim ġdid bejn l-MCESD u l-Università ta’ Malta biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fir-riċerka, l-iżvilupp tal-politika, it-taħriġ u d-djalogu soċjali

Il-Malta Council for Economic and Social Development (MCESD)  u l-Università ta’ Malta ffirmaw ftehim li se jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet f’diversi oqsma, bħar-riċerka, l-iżvilupp tal-politika, it-taħriġ, l-innovazzjoni, u l-promozzjoni tad-djalogu soċjali. 

Dan il-ftehim ġie ffirmat fil-preżenza tal-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri. 

Iż-żewġ istituzzjonijiet qablu li jikkollaboraw flimkien fl-oqsma tal-użu tal-faċilitajiet tal-Università ta’ Malta, partikularment fil-Kampus tal-Belt Valletta, fis-servizzi ta’ riċerka u l-konsultazzjoni, fil-parteċipazzjoni tal-Università waqt il-laqgħat tal-MCESD, fid-djalogu strateġiku annwali dwar ir-riċerka, l-aċċess għar-riċerka u t-tixrid tal-għarfien, it-taħriġ u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet, u l-impenn tal-istudenti u l-iskambju tal-għarfien. 

Mill-aspett tad-djalogu soċjali, il-Ministru Keith Azzopardi Tanti qal li, “Dan l-iffirmar huwa pass ieħor biex insostnu d-djalogu soċjali minn aktar għarfien u evidenza u b’hekk id-diskussjonijiet fl-MCESD ikomplu jkunu infurmati minn riċerka ta’ kwalità u minn analiżi li tgħinna nifhmu aħjar l-isfidi u l-opportunitajiet ta’ pajjiżna.” Żied ukoll li permezz ta’ dan il-ftehim qed jinħoloq pont b’saħħtu bejn id-dinja akkademika u l-imsieħba soċjali.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri qal li, “Dan il-ftehim se jkompli jqarreb l-Università ta’ Malta mar-realtajiet u l-isfidi ta’ pajjiżna, biex l-għarfien u r-riċerka li jinħolqu fiha jissarrfu f’kontribut konkret għas-soċjetà u għat-tfassil tal-politika. Fl-istess waqt, qed noħolqu aktar opportunitajiet għall-istudenti biex joħorġu lil hinn mill-klassi, jiksbu esperjenza prattika u japplikaw dak li jitgħallmu permezz ta’ placements, internships u proġetti ta’ riċerka. Irridu nkomplu nsaħħu din ir-rabta bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-bżonnijiet ta’ pajjiżna.”

Ir-Rettur tal-Università Prof. Frank Bezzina qal li, “Għall-Università ta’ Malta, din is-sħubija mal-MCESD hija opportunità biex inpoġġu l-għarfien tagħna għas-servizz tal-komunità usa’. Bħala l-Università nazzjonali, għandna rwol importanti x’naqdu billi nagħtu l-kontribut tagħna għad-djalogu nazzjonali dwar kwistjonijiet ta’ importanza ekonomika u soċjali. Permezz ta’ kollaborazzjoni aktar mill-qrib mal-MCESD u l-imsieħba tiegħu, nistgħu nwasslu l-evidenza u l-għarfien espert akkademiku fid-diskussjonijiet, sabiex ngħinu fit-tfassil ta’ politika infurmata u fi djalogu nazzjonali kostruttiv.”

Il-ftehim bejn iż-żewġ istituzzjonijiet jinkludi wkoll opportunitajiet għal seminars u workshops differenti, kollaborazzjoni fuq placements tal-istudenti, internships, u proġetti akkademiċi relatati mad-djalogu soċjali, fost aktar opportunitajiet li jsaħħu l-ħidma tal-MCESD u l-Università ta’ Malta. 

Dan il-ftehim se jkun validu għall-perjodu ta’ tliet snin.


​